Tuesday, February 19, 2008

Il-Bidla. X’bidla?


F’din l-elezzjoni l-aspett tal-bidla huwa aspett li l-elettorat jidher li qed jagħtiha imporatnza kbira. Wieħed jifhem dan il-punt għax qedin nitkellmu fuq min ser jiggverna pajjiżna fil- ħames snin li ġejjin, f’dinja li kull ma jmur qeda tinbidel u f’ċirkostanzi li jinbidlu minn ġurnata għall-oħra.

Pajjiżna jaf xi tfisser il-bidla għax fl-aħħar ħames snin għadda minn bidla kbira b’suċċess. Fil-fatt importanti li nisħqu fuq dan il-punt. Is-suċċess ta’ din il-bidla inħossuħ kuljum. In-numru ta’ impjiegi li nħolqu, il-flus fil-bwiet tal-familji Maltin, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u għal kull min jixtieq ikompli jitgħallem fl-edukazzjoni bl-investimenti fl-iskejjel u l-MCAST, servizz aħjar tas-saħħa, l-introduzzjoni ta’ l-ewro huma kollha xhieda ta’ din il-bidla li saret b’suċċess.

Dan il-process tal-bidla hemm bżonn li nkompluħ biex pajjiżna ikompli jimmodernizza ruhu. Huwa proċess li beda fl-1987 u dejjem kellu lill-Partit Nazzjonalista imexxieħ. Il-fatti juru li l-Malta Labour Party kien kontra dan il-proċess ta’ bidla. Qal le għall-Unjoni Ewropeja. Qal le għall-introduzzjoni ta’ l-ewro. Qal le għall-VAT u daħħal is-CET u kellna diżastru fil-finanzi tal-gvern. Qal le għall-kunsilli lokali. Qal le għall-inevestiment fl-Universita’ biex din tkun miftuħa għal aktar żgħażagħ Maltin. Qal le għall-kompjuters u għal Sm@rtCity. Il-lista tal-le hi twila u hija lista ta’ żbalji tal-Malta Labour Party.

Għalhekk huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa il-partit li jġib il-bidla vera, u kollox qed jindika mis-sondaġġi li qed isiru, li l-elettorat jixtieq jafda lil Lawrence Gonzi biex imexxiħ minn dan il-proċess ta’ bidla.

Huwa evidenti ukoll li l-elettorat ma jridx bidla fl-idejat. Irid ikompli igawdi il-kwalita’ tal-ħajja li qed jgħix illum, anzi irid itejjibha. Iżda ma jridx gvern li jesperimenta bl-edukazzjoni tat-tfal tagħna. Ma jridx gvern li jġib l-instabbilita’ u il-qgħad. Ma jridx gvern li jibda jilgħab bis-servizzi għall-anzjani biex mingħaliħ inaqqas id-defisit. Ma jridx gvern li l-ewwel jgħid ħaġa u wara ftit ibiddel fehmtu għall-biża li jitlef il-voti.

Issa li gew ippublikati il-programmi elettorali taż-żewġ partiti jidher ċar min għandu l-idejat friski. Jidher ċar li għandna Prim Ministru li għad fadallu ħafna x’jagħti lill-pajjiżna u hu l-aħjar bniedem biex imexxi lill-familji Maltin u Għawdxin biex inkomplu fit-triq tal-bidla.

No comments: