Sunday, February 17, 2008

Il-Proposta dwar it-tnaqqis tat-Taxxa

Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jinvesti fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u għalhekk jinħoloq aktar xogħol permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa li nħallsu, ħolqot ħafna diskussjoni. Hija proposta li permezz tagħha Gvern Nazzjonalista jinvesti ftit aktar minn 46 miljun Ewro.

Din hjia proposta tassew tajba għaliex tolqot b’mod pożittiv lil kull settur tal-popolazzjoni, min b’mod, min b’ieħor. Hija proposta li tippremja ix-xogħol u l-bżulija. Tippremja liż-żgħażagħ għax iħallasu anqas taxxa fil-bidu tal-karriera tagħhom. Tippremja lill-dawk il-persuni li jkunu avvanzaw fil-karriera tagħhom u lil dawk li jaqalgħu aktar għax qed jaħdmu aktar. Tippremja ukoll lill-familji fejn jaħdmu kemm ir-raġel kif ukoll il-mara.

Din il-proposta iżżid fuq il-miżuri tal-Baġit u turi li tifforma parti minn pjan meqjus li l-iskopijiet ewlenin tiegħu hu li jkun hawn aktar xogħol u li l-Matin ikollhom aktar flus fil-but.

Kif wieħed kien jistenna, din il-proposta ġiet ikkritaka mill-partiti l-oħra. Hemm min insista li din il-proposta ser tiġi tiswa 125 miljun Ewro. Wieħed malajr jinduna mill-kritika li saret, li l-partiti l-oħra għadhom ma fehmux eżatt x’tgħid din il-proposta. Per eżempju ikkritikaw lill-Partit Nazzjonalista għax permezz ta’ din il-proposta, is-sidien ta’ l-industriji ż-żgħar ser jiffrankaw mit-taxxa.

U x’hemm ħazin f’dan? Dan ser jgħin lil dawn l-industriji ikabbru l-attiviatjiet tagħhom, jinvestu aktar u joħolqu x-xogħol.

Din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista ħakmet l-attenzjoni tal-poplu Malti għax qed jara fiha politika serja għall-ġid tal-pajjiz kollu. Din il-proposta toħloq ix-xogħol, tagħti d-dinjita lill-ħaddiem Malti u issaħħaħ il-ħarsien tal-familji Maltin.

No comments: