Wednesday, February 20, 2008

L-Edukazzjoni – l-għajn li nixorbu minnha.

Il-Prim Ministru, Lawrence Gonzi, indirizza konferenza stampa dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-edukazzjoni. Dawn il-proposti jinkludu il-mira li almenu 85% fil-mija taż-żgħażagħ Maltin u Ghawdxin ikomplu jistudjaw wara l-iskola sekondarja. Jinkludu ukoll tibdil dwar kif jiġu assessjati l-istudenti u aktar investiment fil-kompjuters.

L-edukazzjoni dejjem taħkem l-attenzjoni ta’ l-elettorat kollu. Naturalment tinteressa liż-żgħażagħ għax l-edukazzjoni hija il-ħajja tagħhom. Tinteressa lill-ġenituri għax qed nitkellmu dwar il-futur ta’ l-aktar ħaġa għażiża fil-ħajja tagħhom – it-tfal. Tinteressa wkoll lin-nanniet għax wara l-isforzi li jkunu għamlu f’ħajjithom, ma jkunux jixtiequ jaraw lin-nepuijiet tagħhom ibatu minħabba politika ħazina fl-edukazzjoni.

Fil-fatt hu importanti li napprezzaw li meta wieħed qed jitkellem dwar l-edukazzjoni m’aħniex qed nitkellmu dwar bini jew kotba jew curriculum jew suġġetti, iżda qed nitkellmu fuq in-nies. Qed nitkellmu fuq persuni umani. Jekk il-policies fl-edukazzjoni ikunu dawk tajbin, il-poplu kollu igawdi, filwaqt li jekk il-policies ikunu ħżiena il-poplu kollu ibati.

L-edukazzjoni hi tassew l-għajn li nixorbu minnha. Irridu nieħdu ħsiebha. Dak li għandna illum ma nistgħux naħsbu li ġie mix-xejn. Min għandu l-eta’ tiegħi jiftakar iż-żmien meta l-iskejjel tal-Knisja kienu mhedda, jiktakar kif l-iskejjel ta’ l-istat kienu tħallew jaqgħu fi stat tal-biki, u jiftakar kif il-bibien ta’ l-Universita’ kienu ġew magħluqa għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Għalhekk irridu nibqgħu nagħtuha l-attenzjoni tagħna u ma nistgħu inħallu lil hadd min ikissirilna. Pajjiż0na ma jiflaħx ikollu lil xi ħadd li joqgħod jesperimenta bl-edukazzjoni. Pajjiżna għandu bżonn gvern li jagħti prijorita’ lill-edukazzjoni, li diġa wera bil-fatti li lest li jpoġġi r-riżorsi kollha neċessarji f’dan is-settur, li ma joqgħodx iqanċaċ biex jara kif ha jiffranka il-flus. Minn dak li rajna sa issa din il-garanzija jista’ jtiha biss il-partit Nazzjonalista.

No comments: